Is-Sibt, 4 ta' Settembru 2010
Euro-Label Malta
Biddel il-lingwa ghal l'Ingliz

Informazzjoni

 
Fittex

Negozji

Dan is-sit jgħinek biex tkun aktar infurmat fuq il-kodiċi ta’ kondotta tal-Euro-Label, fuq il-proċess ta ċertifikazzjoni u fuq kif tista tinkludi l-ħanut tiegħek mal-lista ta' ħwienet ċertifikati.

X’Nistgħu Noffrulek

Għandek tapplika għas-siġill tal-Euro-Label għax b’hekk tista’ turi li t-tranżazzjonijiet elettroniċi li inti toffri jirrispettaw kriterji ta' kwalita' u sigurta' rikonoxxuti fl-Ewropa kollha. Din id-dimensjoni Ewropeja tiftaħlek swieq ġodda.

Ewropeja tfisser li n-negozjant li qed jesebixxi s-siġill għandu proċeduri kummerċjali sikuri, validi fl-Ewropa kollha u konformi mad-direttivi tal-Kummerċ Elettroniku, il-bejgħ b’distanza u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni (data protection).

X'Inhi l-Euro Label?

Il-Euro-Label huwa siġill ta’ kwalità Ewropew għal xiri elettroniku li japplika kemm għall-konsumatur kif ukoll għan-negozjant. Meta tara l-Euro-Label fuq sit ta’ ħanut, tista’ sserraħ rasek li dan se jagħtik servizz effiċjenti u sikur:-

  • Il-kumpanija li qed tbigħ tista’ tafdha
  • Il-kundizzjonijiet tal-bejgħ tista’ ssibhom spjegati b’mod ċar fuq is-sit elettroniku tal-ħanut
  • In-negozjant jirrispetta l-liġijiet relatati mal-protezzjoni ta’ l-informazzjoni
  • Hemm proċedura biex tinstab soluzzjoni għal xi lmenti li jistgħu jinqalgħu jekk għal xi raġuni t-tranżazzjoni tfalli
  • Għaliex? Biex jingħata s-siġill tal-Euro-Label, negozjant irid jimplementa kriterji ta' kwalita' u sigurta' għal tranżazzjonijiet ta’ bejgħ. Mekkaniżmu ta’ verifikazzjoni jindika jekk is-siġill tat-Trustmark esebit min-negozjant huwiex awtentiku. Meta tiklikkja fuq is-siġill, l-organizzazzjoni Euro-Label tivverifikalek jekk negozjant huwiex awtentiku u turik iċ-ċertifikat tiegħu.

F’Malta, l-organizzazzjoni Euro-Label hija rappreżentata mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża ta’ Malta.

X'Tagħtik il-Euro Label?

  • Il-post fejn tista' tesponi aktar in-negozju tiegħek fl-Ewropa, permezz ta' sit iddedikat għall-ħwienet ta' fiduċja.
  • Mod kif tilħaq swieq ġodda u opportunitajiet ġodda ta' negozju.
  • Impatt immedjat ta' fiduċja fuq dawk il-klijenti li jżuru s-sit tiegħek għall-ewwel darba.
  • Il-possibilità li tiddistingwi n-negozju tiegħek mill-kumplament tal-kompetituri tiegħek u li tingħata preferenza mingħand il-klijenti.
  • Mod aktar effettiv biex tindirizza lmenti permezz ta' konnessjoni diretta ma' sistemi nazzjonali u mal-Korp ta' Riżoluzzjonijiet Alternattivi għat-Tilwimiet.
  • Tejbien fil-preżenża viżiblli tal-kumpanija tiegħek fuq l-Internet u l-possibilità li n-negozjant ikabbar ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu fid-dinja elettronika.
  • Il-kapaċità biex wieħed iżid il-volum ta' tranżazzjonijiet u b'hekk, il-qliegħ u l-profitt.
  • Aktar kredibilità lill-informazzjoni li qed tingħata mis-sit tiegħek.

Benefiċċji għan-Negozjanti

Permezz tal-Euro-Label, ħloqna siġill ta’ kwalità li jħaddan numru ta’ prinċipji nazzjonali biex jirregolaw ix-xiri elettroniku. Il-Euro-Label tipprovdi struttura u mekkaniżmu li jiffaċilita l-kummerċ elettroniku. Il-Euro-Label qed tibni l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku madwar l-Ewropa kollha u qed iżżid il-bejgħ minn fuq l-Internet.

Is-siġill tal-Euro-Label huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea, minn assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-industrija u minn organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (rappreżentati mis-sieħba nazzjonali tal-Euro-Label).

Il-Proċess ta' Ċertifikazzjoni

L-organizzazzjoni ċentrali Euro-Label ma tieħux ħsieb iċ-ċertifikazzjoni tan-negozjanti interessati fit-trustmark. Dan il-proċess jiġi mmexxi mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża ta’ Malta.

Sitt passi biex takkwista ċ-ċertifikazzjoni :

1. lkkuntattja l-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża ta' Malta
2. L-Applikazzjoni
3. Il-Kuntratt
4. L-Eżaminazzjoni
5. L-Għoti tat-Euro-Label
6. Il-Proċess ta’ Monitoraġġ


1) Ikkuntattja l-Kamra tal-Kummerċ u Intrapriża ta' Malta

Regola : Trid tressaq it-talba tiegħek quddiem il-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża ta’ Malta.

Kull organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali toffri fuq is-sit elettroniku tagħha formola biex inti tagħmel it-talba tiegħek.

Jekk pajjiżek m’għandux organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni, tista’ tressaq it-talba tiegħek hawn. F’dan il-każ, aħna nibagħtu t-talba tiegħek għand waħda mill-organizzazzjonijiet nazzjonali li tkun tista’ twettaq il-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Iċ-ċertifikazzjoni tingħata skond il-konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew u mhux skond ir-regoli li japplikaw f’pajjiżek.

Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jsir bil-lingwa Ingliża jew b’waħda mill-lingwi uffiċċjali tal-Euro-Label. Jekk ikun hemm bżonn ta’ interpretu, l-ispejjeż involuti jistgħu jiżdiedu ma’ l-ispejjeż ta’ l-applikazzjoni tieghek.

2) L-Applikazzjoni

Imla l-applikazzjoni u ibgħatha. Tiġi kkuntattjat ftit ġranet wara.

3) Il-Kuntratt

Qabel ma jibda l-proċess ta’ verifikazzjoni, inti tirċievi l-kuntratt li jorbot lilek u lill-Euro-Label. Dan il-kuntratt jispjega l-kundizzjonijiet u d-dettalji kif ukoll il-fażijiet kollha nvoluti fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni.

F’das-sit issib il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew flimkien ma’ lista tal-kriterji li jintużaw fl-għotja taċ-ċertifikazzjoni. Issib ukoll pariri biex il-website tiegħek tilħaq il-kriterji meħtieġa.

Meta tkun temmejt dal-proċess, iffirma l-kuntratt u ibagħtu lill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża ta’ Malta. Minn hawn jibda l-proċess ta’ verifika.

4) Il-Verifika

L-Ewwel Fażi : Verifika ta’ l-Identità

L-organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni tivverifika li l-kumpanija tiegħek hija awtorizzata li topera skond il-liġi. Fost affarijiet oħra, jiġi aċċertat li l-kumpanija hija reġistrata f’Malta u li m’hijiex falluta. Jekk dawn il-kriterji ma jintlaħqux, in-negozjant jingħata spjegazzjoni u jintalab jerġa’ jipprova.

It-Tieni Fażi : Verifika Inizzjali

F’dan l-istadju tibda l-verifika inizjali. Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża ta’ Malta tmexxi l-proċess ta’ verifikazzjoni skond lista ta’ kriterji speċifiċi u tiddeċiedi jekk dal-proċess kellux riżultat pożittiv. Jekk il-proċess jidentifika setturi li ma jilħqux il-kriterji meħtieġa mill-Euro-Label, inti se tiġi nfurmat. Normalment tingħata l-possibilità li tirrevedi n-nuqqasijiet u terġa’ tapplika. Meta l-proċess ta’ eżaminazzjoni jirriżulta sodisfaċenti, inti tingħata it-Trustmark.

5) L-Għoti tal-Euro-Label

Meta tkun spiċċajt b’suċċess il-proċess ta’ verifika, tiġi mogħti l-Euro-Label.

Imbagħad tkun tista’ turi s-siġill tal-Euro-Label fuq is-sit elettroniku tiegħek u fuq materjal ieħor ta’ pubbliċità.

Id-dettalji tas-sit elettroniku tiegħek jiġu mpoġġija awtomatikament fid-direttorju elettroniku tal-Euro-Label, u b’hekk ikunu viżibbli immedjatament bħala sit serju u ta’ min jafdah.

F’dan l-istadju jibda l-proċess ta’ manutenzjoni.

6) Il-Proċess ta’ Monitoraġġ

Kull sit ċertifikat mill-Euro-Label jiġi rivedut kull sena biex jiġi assigurat li dan qed isegwi l-prattiċi stipulati mill-Kodiċi ta’ Kondotta. Meta tirċievi l-avviż ta’ reviżjoni, tingħata xahar ċans biex tibda l-proċess ta’ reviżjoni. Jekk fi żmien xahar ma tagħtix bidu għal dal-proċess, dan jitqies bħala sinjal li m’intix interessat li ġġedded il-kuntratt tal-Euro-Label u għalhekk jitneħħielek id-dritt li tuża s-siġill tal-Euro-Label.

Matul il-proċess ta’ reviżjoni, is-sit elettroniku tiegħek jiġi eżaminat biex ikun stabbilit jekk għadux konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta. Il-proċess huwa simili ta’ dak inizjali, għalkemm normalment iqsar. Jekk tfalli milli tilħaq il-kriterji meħtieġa, tiġi nfurmat u tingħata ċ-ċans li terġa’ tapplika. Jekk il-ħanut ifalli din il-verifika, inti titlef id-dritt li tuża s-siġill tal-Euro-Label.

Il-proċess ta’ manutenzjoni jista’ jinvolvi reviżjoni tas-sit elettroniku anki f’ċirkustanżi oħra. Meta konsumatur jilmenta li n-negozjant naqas milli jimxi skond il-kodiċi ta’ kondotta, kemm ma’ l-organizzazzjoni ċentrali tal-Euro-Label kif ukoll ma’ xi entità nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni, dan l-ilment jiġi nvestigat. Każi bħal dawn jistgħu jwasslu għal reviżjonijiet addizzjonali biex jiġi konfermat li n-negozjant ħa l-azzjoni neċessarja wara li jkun sar l-ilment.

footer_GOV1
footer_mitc1
footer_COC1
footer_MCA1
Copyright 2009
Developed by 2i ltd